Dan il-ktieb, Bl-Għasluġ tal-Ħsieb – Dun Karm, La Jixjieħ u la Jmut, huwa mixja analitika ta’ ġieħ għax juri l-kisbiet kbar kreattivi u intellettwali tal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm (1871-1961).
Dak li jippreżenta dan il-ktieb huma suġġerimenti ta’ kif il-poeżija Dunkarmjana tista’ taħdem fuqna. Dawn is-suġġerimenti mhumiex esklużivi, imma jistgħu jiġu ċċalinġjati jew jinbidlu; u forsi wkoll wieħed jista’ jibni fuqhom. Jingħata nebħ ta’ kif wieħed jista’ jikkonċettwalizza għala nistgħu nsibu l-poeżija ta’ Dun Karm siewja għalina llum.
Minn dak li qed jiġi ppreżentat, il-qarrejja għandhom jintebħu li l-qari u r-riċerka (li kull qarja titlob minnhom) huma alleati ta’ xulxin. Aktar ma wieħed isir jaf kif taħdem il-poeżija ta’ Dun Karm, aktar wieħed jinfetaħ għall-effetti li jista’ jkollha. B’qari rriċerkat, il-poeżija ta’ Dun Karm tistagħna u l-qarrejja jkunu aktar involuti fiha.
Il-qari analitiku juri li l-letteratura ta’ Dun Karm tinqeda bl-użu ta’ lingwa, xbihat, u ideat li huma mirqumin u xirqin. Il-poeżiji ta’ Dun Karm jinħassu li huma maħdumin bl-akbar sengħa, u bosta minnhom iwassluna għall-introspezzjoni għax iġagħluna naħsbu fuq il-ħajja b’mod differenti mis-soltu. Anki meta Dun Karm jibni poeżija fuq xi tensjoni, fiha naqraw ħjiel tal-kumplessità tat-tiġrib uman.
Għalhekk il-ġabriet tal-poeżiji tiegħu narawhom bħala għerf akkumulat
- fuq il-bniedem,
- għall-bniedem, u
- mill-bniedem.
Il-Professur Charles Briffa għallem fl-Università ta’ Malta, u huwa kritiku letterarju, studjuż tal-Malti, u traduttur. Kiteb bosta kotba oħrajn fuq ix-xogħlijiet letterarji ta’ awturi Maltin. Ixandar ukoll ħafna sensiliet fuq ir-radju u t-televixin fuq il-lingwa u l-letteratura.