Il-politika hija dak il-proċess li jfassal ideat u toroq li bihom u fuqhom jitwettqu żviluppi tajbin, inqas tajbin jew ħżiena fis-setturi diversi tal-ħajja ta’ kuljum. Kull fejn hemm tmexxija, hemm politika li tista’ tissarraf kemm fi tmexxija u riżultati tajbin, kif ukoll fi tmexxija ħażina. Jien li ġej mill-qasam mediku, imma għaddejt 45 sena minn ħajti fil-qasam politiku, stajt nirrelata ma’ u napprezza l-livell għoli tal-materjal li hawn f’din il-pubblikazzjoni. F’dawn il-kontribuzzjonijiet sibt faċċati li jittrattaw bil-miftuħ dawk l-isfidi u problemi etiċi, morali u politiċi li jien stess iffaċċjajt matul dawk is-snin u li ħsibt mhux ftit fuqhom matul il karriera twila tiegħi fil-politika.

L-Eċċellenza Tiegħu t-Tabib George Vella
President ta’ Malta

 

Dan ix-xogħol jistħoqqlu tifħir, tal-anqas, għal żewġ raġunijiet ewlenin. Raġuni waħda hija l-interdixxiplinarità tiegħu. Kelma twila u tqila li tfisser li l-materjal u s-suġġetti f’dan il-ktieb mhumiex mgħarbula u skjerati minn lenti dejqa ta’ dixxiplina partikulari. It-tieni raġuni hija l-ilsien Malti li bih issawru l-kapitli ta’ dan il-ktieb. Bl-interdixxiplinarità tiegħu, u miktub kif inhu bil-Malti, dan il-ktieb huwa xempju tal-qrubija bejn l-akkademja, l-ekonomija u s-soċjetà Maltija; xhieda ta’ kif u kemm l-Università kapaċi wkoll tersaq qrib in-nies.

Il-Professur Godfrey Baldacchino,
Soċjologu

 

Nilqa’ lill-qarrejja kollha ta’ dawn is-saġġi fuq aspetti varji tal-politika mogħtija minn għadd sabiħ ta’ akkademiċi u prattikanti li wara li wasslu l-kontenut, l-argumenti u l-analiżi riċerkati tagħhom lis-semmiegħa, ikkollaboraw biex il-programmi jinqalbu fi ktieb. Bħala produttur u preżentatur fuq Campus FM, l-awtur ta’ din il-pubblikazzjoni għamel biċċa xogħol fejjieda biex l-għerf imberraħ minn wara l-mikrofonu jsib postu mitbugħ f’dan il-volum denju.

Dott. Charles Xuereb,
Chairperson tal-Bord Editorjali tar-Radju tal-Università

 

Dwar l-awtur
Dott. Mario Thomas Vassallo huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Politika Pubblika fl-Università ta’ Malta fejn jgħallem l-amministrazzjoni pubblika, ir-riċerka xjentifika u l-governanza, fost oħrajn. Kitbietu ġew ippubblikati minn djar tal-kotba f’Malta u oħrajn internazzjonali. Koeditur tas-serje ta’ kotba bl-isem Public Life in Malta. Ipproduċa għadd ta’ sensiliet radjufoniċi li jittrattaw temi soċjali, politiċi u ta’ Melitensia fuq Campus FM, FM Bronja u Radju Malta.